Stabbiliment ta' ħanut online

Kif tittratta l-ħlas online

Parti kbira mill-proċess tal-bejgħ online tappartjeni għall-ħlas, li jista' jinkludi karti ta' kreditu jew debitu, trasferimenti bankarji, kards bi ħlas antiċipat jew xi mezzi oħra.

Fornitur ta' ħlas tajjeb joffrilek ambjent ta' ħlas sigur u interface unika għall-metodi ta' ħlas li tiddeċiedi li tuża u jippermettilek topera bejn il-fruntieri.

Meta tidħol fi swieq ġodda, hu importanti li tħares lejn il-metodi ta' ħlas li huma aċċettati lokalment. Bl-aħjar mod li tista', ipprova tiddiskriminax abbażi tal-post u pprovdi għażliet ta' ħlas li l-klijenti l-aktar imdorrijin jużaw.

Metodi ta' ħlas tajbin għan-negozju tiegħek

L-aspetti ewlenin li jiddeterminaw l-użu ta' metodi speċifiċi ta' ħlas huma:

  • il-preferenzi nazzjonali
  • il-metodi ta' ħlas li huma l-aktar komuni fis-suq tiegħek
  • it-tipi ta' ħlas li huma l-aktar adattati għan-negozju tiegħek
  • il-valur tat-tranżazzjoni: jeżistu regoli differenti li jirregolaw liema informazzjoni trid tiġi pprovduta skont kemm ikun qed jonfoq l-utent

Żgura li l-metodi ta' ħlas li tagħżel huma sempliċi u intuwittivi biex tużahom u jippermettu lill-klijenti tiegħek ilestu t-tranżazzjoni malajr. Il-kontijiet ta' ħlas online, il-kards bi ħlas antiċipat, it-trasferimenti bankarji online, it-trasferimenti bankarji f'ħin reali bbażati fuq servizzi tal-ibbankjar online jew anki vouchers elettroniċi bbażati fuq il-flus kontanti huma wkoll modi alternattivi ta' ħlas.

Hemm diversi vantaġġi li toffri metodi ta' ħlas alternattivi:

  • jipprovdu mezzi aktar sempliċi għat-tlestija ta' tranżazzjoni u perċezzjoni ogħla tal-utent dwar is-sigurtà u/jew l-anonimità
  • huma mezz tajjeb biex tinkiseb trazzjoni f'territorji fejn l-użu ta' metodi ta' ħlas alternattivi huwa mifrux minħabba għażla limitata ta' metodi ta' ħlas domestiċi
  • jistgħu jġibu bejgħ addizzjonali minn klijenti ġodda li jew ma għandhomx kard tal-bank jew ma jixtrux online minħabba biżgħat ta' sigurtà

Kif tagħżel il-fornitur tas-servizz ta' ħlas tiegħek

Jeżistu 3 servizzi ta' ħlas ewlenin li tista' tagħżel minnhom. L-għażla tiegħek se tiddependi fuq liema tip ta' klijenti għandek, x'qed tbigħ u f'liema territorji:

  • "Akkwirenti" tradizzjonali jinvolvu banek akkwirenti (imsejħa wkoll banek merkantili) li jikkuntrattaw miegħek biex jippermettulek taċċetta ħlas bil-kard ta' kreditu jew ta' debitu. Spiss, jużaw is-servizzi ta' proċessuri tal-ħlas. Dawn huma partijiet terzi li jipproċessaw il-ħlas għalihom filwaqt li jiggarantixxu s-saldu tal-ħlas u jimmaniġġjaw ir-riskju u l-frodi
  • Fornituri ta' metodi ta' ħlas alternattivi jistgħu joffru soluzzjonijiet ta' ħlas innovattivi, li jinkludu kards virtwali bbażati fuq flus kontanti li jippermettu lill-klijenti tiegħek ma jiżvelawx l-identità tagħhom jew is-servizzi ta' vouchers.
  • Fornituri tas-servizzi ta' ħlas online jaġixxu bħala punt uniku ta' servizz għall-aċċettazzjoni u l-immaniġġjar ta' metodi ta' ħlas tradizzjonali u alternattivi f'ħafna pajjiżi madwar id-dinja. Tipikament, jużaw mudell SaaS (software bħala servizz) u jikkostitwixxu gateway ta' ħlas uniku għal metodi ta' ħlas multipli għan-negozjanti li huma l-klijenti tagħhom. Jipprovdu paġni ta' ħlas online li jistgħu jiġu personalizzati ħafna.

Użu ta' fornitur uniku ta' servizz ta' ħlas

Il-fornitur tas-servizz ta' ħlas (PSP) jimmaniġġja l-fluss ta' informazzjoni (bħal informazzjoni dwar tranżazzjoni) u jipprovdilek gateway ta' ħlas għal metodu wieħed jew aktar ta' ħlas online li għalih jaġixxi bħala intermedjarju.

Jekk tixtieq topera b'mod transfruntier, se jkollok bżonn PSP li jiftaħ il-metodi ta' ħlas f'pajjiżi oħra u jappoġġja l-munita li fiha trid taċċetta l-ħlas.

Jekk int kummerċjant żgħir, ikun aħjar jekk tuża PSP wieħed jekk topera f'pajjiżi differenti bi preferenzi nazzjonali diverġenti. Il-PSPs għandhom għarfien espert fis-swieq nazzjonali u relazzjonijiet mal-biċċa l-kbira tas-sistemi ta' ħlas online tradizzjonali u alternattivi tal-Ewropa.

Il-PSPs huma rregolati minn sett speċifiku ta' regoli u regolamenti. Iridu jkunu rreġistrati fl-Istat Membru tad-domiċilju u fl-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA). Tista' tivverifika l-validità tal-PSP li tagħżel li taħdem miegħu fir- reġistri nazzjonali en .

Ospitat jew integrat?

Bħal fil-każ tal-istabbiliment ġenerali tas-sit web, meta tistabbilixxi l-gateway tal-ħlas għall-ħanut online tiegħek tista' jew tagħżel paġna ospitata mill-PSP jew soluzzjoni ta' ħlas integrat:

  • Fis-soluzzjoni ta' ħlas ospitat, il-PSP se jiżgura li jkun hemm fis-seħħ il-livell it-tajjeb ta' sigurtà. Dan jippermettilek tiffranka l-ħin, peress li ma jkollokx għalfejn tittratta l-aġġornamenti tas-sigurtà u l-problemi ta' konformità.
  • L-alternattiva hija gateway integrata ta' ħlas jew interface ta' programm ta' applikazzjoni (API), li tagħtik aktar flessibbiltà u kontroll fuq il-paġna tal-ħlas tiegħek. Madankollu, se jkollok bżonn xi ħiliet fl-IT u se jkollok timmaniġġja l-aġġornamenti tas-sigurtà u l-konformità.

L-użu ta' PSP jiggarantixxi wkoll li jkun hemm miżuri ta' sigurtà biex jiġi żgurat ħlas sikur u sigur, bħal awtentikazzjoni b'saħħitha tal-klijent għall-ħlas, kif ukoll miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi tal-ħlas.

Il-PSPs kollha jiċċarġjaw fuq bażi ta' tariffa għal kull tranżazzjoni. Il-kost tat-tranżazzjoni jista' jkun tariffa fissa għal kull tranżazzjoni u/jew perċentwal tal-valur tal-volum tat-tranżazzjoni. Ma tistax titlob din it-tariffa tat-tranżazzjoni lill-klijent tiegħek mingħajr ma tagħmilha espliċita matul il-proċess tal-ħlas jew tagħmilha ogħla milli fil-fatt tiswa lilek.

Rispett tad-drittijiet tal-klijenti tiegħek

Ftehim ta' ħlas jikkostitwixxi kuntratt ma' klijent. Żgura li tikkonforma mal-obbligi li ġejjin matul dan il-proċess:

  • informa lill-klijent tiegħek fil-bidu tal-proċess tal-ordni dwar liema mezzi ta' ħlas huma aċċettati
  • żvela l-kost totali tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll kwalunkwe tariffa żejda għall-ħlas
  • il-klijent tiegħek jista' jirrifjuta li jħallas it-tariffi jew spejjeż oħra li ma jissemmewx kif suppost qabel ma ssir l-ordni
  • itlob b'mod espliċitu l-kunsens tal-klijent tiegħek biex jippermetti ħlas żejjed lil hinn mill-prezz miftiehem. Ħu nota li kaxex immarkati minn qabel għall-iċċarġjar ta' servizzi addizzjonali huma pprojbiti bil-liġi
  • tiċċarġjax lill-klijent tiegħek aktar minn kemm jiswiek biex toffri mezz partikolari ta' ħlas
  • ma tistax tiċċarġja lill-klijent talli jitlob informazzjoni bażika dwar it-tranżazzjonijiet ta' ħlas tiegħu

Twissija

Innota li jekk qed tuża PSP, fl-avveniment ta' tranżazzjonijiet ta' ħlas mhux awtorizzati u żbalji tal-fatturazzjoni jew tal-ipproċessar, hu obbligat li jħallas lura lill-klijenti tiegħek immedjatament għat-tranżazzjoni mhux awtorizzata.

Ladarba l-ħlas ikun ġie kkonfermat mill-klijent, żgura li tibgħat email biex turi li t-tranżazzjoni tkun kompluta. Skont it-tip ta' ħlas u kuntratt tal-kummerċ elettroniku, jaf ikollok bżonn tipprovdi tipi differenti ta' informazzjoni.

Żur it- taqsima tagħna dwar il-Klijenti biex taqra aktar dwar id-drittijiet tal-klijenti tiegħek.

Konformità mal-obbligi tat-taxxa u tal-VAT

Il-bejgħ online ifisser ukoll it-trattament tal-obbligi fiskali u tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT). Japplikaw regoli differenti skont lil min, fejn u liema oġġett qed tbigħ jew x'servizz qed tagħti. Żgura li qed tapplika r-regoli tal-pajjiż fejn hija dovuta l-VAT, kif ukoll ir-rata korretta (jistgħu japplikaw rati standard, imnaqqsa, jew anke żero).

Innota li trid tiċċekkja wkoll jekk għandekx tħallas id-dazji tas-sisa. Tgħallem aktar dwar l- obbligi tat-taxxa relatati man-negozju online tiegħek.

Leġiżlazzjoni tal-UE

Teħtieġ l-għajnuna mis-servizzi ta’ assistenza?

Ikkuntattja s-servizzi ta' assistenza speċjalizzata

Għandek xi mistoqsijiet dwar kif topera negozju transfruntier, pereżempju l-esportazzjoni jew l-espansjoni lejn pajjiż ieħor tal-UE? Jekk hu l-każ, Enterprise Europe Network jista’ jagħtik pariri b’xejn.

Tista’ tuża wkoll l-faċilità għas-sejbien tas-servizzi tal-assistenza biex issib l-għajnuna t-tajba għalik.

L-aħħar verifika: 12/06/2023
Ikkondividi din il-paġna