Il-Palazz

Inizjalment mibni fil-bidu tas-snin 70, il-Palazz tal-Qorti tal-Ġustizzja ġie rrinnovat kompletament fil-bidu tas-snin 2000 u, sa mill-2008, jirrappreżenta d-dimensjoni pubblika tal-ġustizzja. Il-pubbliku jista’ jidħol fih sabiex jassisti għas-seduti għas-sottomissjonijiet orali tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Mibni bi struttura tal-azzar u tal-ħġieġ, il-Palazz ifakkar b’mod sottili l-oriġini tal-istituzzjoni, meta kienet l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar. Fil-Palazz wieħed isib ħames awli għas-seduti, mifruxa fuq diversi sulari, bi spazji kbar miftuħa qabel id-daħla tagħhom li, minbarra li jipprovdu passaġġ bejniethom, iservu bħala spazji fejn wieħed jistenna qabel jidħol fl-awla (magħrufa bl-isem Franċiż “salles des Pas perdus”). Il-Palazz huwa l-post fejn jinżammu d-dibattiti orali u kontradittorji bejn il-partijiet f’kawża u fejn jingħataw is-sentenzi u jinqraw il-konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali.