It-torri Montesquieu

Charles-Louis de Secondat de la Brède, il-baruni ta’ Montesquieu (1689‑1755), kien avukat, imħallef u kittieb. Il-fama tiegħu hija marbuta max-xogħol tiegħu, De l’esprit des lois, ippubblikat fl-1748 wara diversi snin ta’ vvjaġġar madwar l-Ewropa li matulhom studja s-sistemi politiċi, l-ekonomija, il-klima, l-istorja u l-morali tal-pajjiżi li żar. Meqjus għalhekk bħala wieħed mill-ewwel prattikanti tad-dritt komparattiv, iżda wkoll bħala prekursur tas-soċjoloġija moderna, Montesquieu ppromwova tqassim ġdid tal-poteri tal-Istat, ibbażat kemm fuq is-separazzjoni tagħhom kif ukoll fuq l-indipendenza tagħhom, bil-għan li jiġi ggarantit il-bilanċ bejniethom. Huwa b’hekk witta l-pedamenti għall-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, li llum il-ġurnata għadu meqjus bħala l-bażi ta’ kull demokrazija.

Bl-għażla ta’ Montesquieu, li l-ħsieb tiegħu kkontribwixxa għall-ħolqien tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tfakkar il-valuri, komuni għall-Istati Membri, li jiddefinixxu l-identità stess tal-Unjoni bħala ordinament ġuridiku awtonomu.

It-torri Montesquieu jagħmel parti mir-raba’ estensjoni tal-Palazz.

Il-kulur lewn id-deheb tat-torri huwa dovut għax-xibka ta’ aluminju anodizzat, li sservi bħala protezzjoni kontra x-xemx. Din l-istess xibka tintuża wkoll fil-binjiet l-oħra sabiex tgħaqqad il-kumpless arkitettoniku kollu. Il-materjal metalliku jagħti, bit-tip ta’ nisġa tiegħu, bil-kwalità li tleqq tiegħu u bil-profil minsuġ tiegħu, identità unika lill-proġett.

Meta ġie inawgurat f’Diċembru 2008, flimkien mat-tewmi tiegħu, it-torri Comenius, it-torri Montesquieu kien l-ogħla binja fil-pajjiż. Is-26 sular tiegħu jilħqu għoli ta’ 103 metri, iżda llum il-ġurnata t-torri Rocca huwa ogħla.