Statistika ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali - 2022

Ara l-istatistika tal-Qorti Ġenerali PDF  

Kummenti fuq l‑istatistika dwar l‑attività tal‑Qorti Ġenerali fl‑2022

minn Emmanuel Coulon, Reġistratur tal-Qorti Ġenerali

 

L-istatistika dwar l-attività ġudizzjarja tal-Qorti Ġenerali tikkostitwixxi kemm strument essenzjali ta’ monitoraġġ tal-attività ġudizzjarja, għodda għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-għażliet ġudizzjarji kif ukoll ir-rifless kontenzjuż tal-attività leġiżlattiva, regolamentari u deċiżjonali tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-Unjoni Ewropea. L-analiżi ta’ dawn iċ-ċifri, prodotti mir-Reġistru tal-qorti, tagħmel parti mill-obbligu ta’ rendikont pubbliku tax-xogħol imwettaq mill-Qorti Ġenerali u tax-xejriet irrilevati fl-evoluzzjoni tal-kontenzjuż. Għalhekk hija essenzjali.

Fl‑2022, il-Qorti Ġenerali kompliet il-politika tagħha ta’ ġestjoni dinamika tal-kawżi u ħadet miżuri sabiex jitkomplew il-proċeduri fil-gruppi l-kbar tal-kawżi li kienu ġew sospiżi sakemm jiġu deċiżi l-kawżi identifikati bħala prinċipali. Dawn il-bidliet wasslu għal intensifikazzjoni tal-attività ġudizzjarja, kif jidher ċar mill-qari tad-data f’ċifri dwar l-attività tar-Reġistru. Fl-istess ħin, il-qorti baqgħet kompletament konnessa mal-attwalità ekonomika, soċjali, ambjentali u ġeopolitika tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tagħha. Wara l-kawżi marbuta mal-kriżi sanitarja (kawżi dwar għajnuna mill-Istat, kuntratti pubbliċi, politika kummerċjali, saħħa pubblika, aċċess għal dokumenti u servizz pubbliku) li kkaratterizzaw is-sena 2021, wieħed mill-fatti notevoli tas-sena 2022 huwa d-dehra tal-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina.

F’termini ġenerali ħafna, huwa kkonstatat li, b’904 kawżi mressqa u 858 kawża magħluqa, in-numru ta’ kawżi pendenti żdied mekkanikament sabiex jiżdied għal 1 474.

Il-kunċett ta’ kawżi pendenti jinkludi l-kawżi mressqa li l-President tal-Qorti Ġenerali għadu ma assenjax lil kulleġġ ġudikanti, il-kawżi pendenti u l-kawżi li ġew sospiżi skont ir-Regoli tal-Proċedura.

 

Kawżi mressqa: ħarsa ġenerali lejn is‑suġġetti prinċipali kkonċernati

In-numru ta’ kawżi mressqa jaqbeż dak tas-sentejn preċedenti (882 fl‑2021 u 847 fl‑2020), iżda jibqa’ inqas minn dak tas-snin preċedenti (939 fl‑2019, 917 fl‑2017, 974 fl‑2016, u 912 fl‑2014). Peress li l-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi diretti ppreżentati mill-Istati Membri u mill-persuni fiżiċi u ġuridiċi, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jibqgħu rriżervati għall-Qorti tal-Ġustizzja, l-attività tagħha tiddependi ħafna fuq l-atti adottati mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea u fuq il-kontestazzjoni tal-legalità ta’ dawn l-atti.

Minn fost l-erbgħin suġġett, bejn wieħed u ieħor, li fihom jiġu ppreżentati r-rikorsi, l-oqsma tal-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea (miżuri restrittivi) u tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-Istati (għajnuna mill-Istat) jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.

Il-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi, li fir-rigward tiegħu ġie osservat li huwa marbut perfettament mal-iżviluppi ġeopolitiċi, irrappreżenta, b’103 kawżi ġodda, 11.4 % tat-total tal-kawżi mressqa fl‑2022 (meta mqabbla ma’ 4.8 % fl‑2021 u 3 % fl‑2020). Minn Frar 2022, l-Unjoni Ewropea adottat serje ta’ miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi u entitajiet fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina. Il-legalità tad-diversi atti li jimponu dawn il-miżuri, li kienu jikkonċernaw diversi mijiet ta’ ċittadini u entitajiet, wasslet għal 75 rikors ippreżentat bejn it‑30 ta’ Marzu u l‑31 ta’ Diċembru. Wieħed jinnota li fost dawn ir-rikorsi, dak ippreżentat fit‑8 ta’ Marzu 2022 kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea mill-kumpannija RT France, kumpannija stabbilita fi Franza li għandha bħala attività l-produzzjoni ta’ kanali tematiċi, kellu l-għan li jikseb l-annullament tal-projbizzjoni temporanja fuq il-ħruġ ta’ kontenut. Din il-kawża (T‑125/22), li fiha l-Qorti Ġenerali kellha b’mod partikolari tagħti deċiżjoni dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u dwar l-allegat preġudizzju għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inqatgħet mill-Awla Manja tal-Qorti Ġenerali (komposta minn 15‑il Imħallef) wara proċedura mħaffa ta’ tul ta’ erba’ xhur u 19‑il jum.

Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, tressqu mhux inqas minn 68 kawża (meta mqabbla ma’ 46 fl‑2021 u 42 fl‑2020), fosthom 50 minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li kkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Portugall favur iż-żona ħielsa ta’ Madeira.

Għall-kuntrarju taż-żidiet ikkonstatati f’dawn iż-żewġ oqsma, ġie rrilevat tnaqqis fin-numru ta’ rikorsi ġodda fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (270 meta mqabbla ma’ 308 fl‑2021 u 282 fl‑2020) u tas-servizz pubbliku (66 meta mqabbla ma’ 81 fl‑2021 u 120 fl‑2020).

Fl-aħħar nett, anki jekk iż-żieda fin-numru ta’ rikorsi ppreżentati fil-qasam bankarju u finanzjarju ma huwiex magħruf, ġie osservat li dan tal-aħħar jiżdied bi ftit kawżi kull sena. Fl‑2022, ġew irreġistrati 49 rikors ġdid, li minnhom 37 tressqu minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji kontra l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, aġenzija tal-Unjoni Ewropea inkarigata mill-ġestjoni tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni kif ukoll mit-tħejjija u mill-eżekuzzjoni tar-riżoluzzjoni tal-banek stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti fil-mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni.

U sabiex jiġi enfasizzat li l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali hija suġġett ta’ attwalità perfetta, tinġibed l-attenzjoni għar-rikors għal annullament ippreżentat fl‑2022 minn Meta Platforms Ireland kontra deċiżjoni tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (Kawża T‑682/22). Dan huwa t-tieni rikors ippreżentat kontra d-deċiżjonijiet ta’ dan il-bord, fejn l-ewwel wieħed kien dak ippreżentat minn WhatsApp Ireland fl‑2021 (Kawża T‑709/21), miċħud bħala inammissibbli mill-Qorti Ġenerali fl‑2022.

2022: sena ta’ tluq u ta’ dħul fil‑kariga ta’ Mħallfin

Bi 858 kawża magħluqa, il-Qorti Ġenerali qatgħet inqas kawżi milli fl‑2021 (951). Dan it-tnaqqis ta’ 9.8 % huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu ċikliku. Fil-fatt, il-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali nbidlet b’mod sinjifikattiv minħabba, minn naħa, id-dħul fil-kariga ta’ Mħallfin ġodda matul is-sena u, min-naħa l-oħra, it-tluq u l-wasliet tal-Imħallfin fil-kuntest tat-tiġdid parzjali ta’ kull tliet snin tal-Qorti Ġenerali. Huwa utli li jiġi spjegat, li ovvjament, dawn il-movimenti ma kellhomx konsegwenzi fuq l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-qorti u tar-Reġistru tagħha.

Diversi Mħallfin daħlu fil-kariga matul is-sena 2022 u dan minbarra t-tiġdid ta’ kull tliet snin u huma għalhekk ħadu post Imħallfin li l-pożizzjonijiet tagħhom kienu ġew iddikjarati vakanti wara l-ħatra tagħhom fil-Qorti tal-Ġustizzja f’Ottubru 2021 (Dimitrios Gratsias (il-Greċja) maħtur Imħallef u Anthony Collins (l-Irlanda) maħtur Avukat Ġenerali) u l-mewt ta’ Mħallef fl‑2021 (l-Imħallef Barna Berke (l-Ungerija)). Għalhekk, l-Imħallef Suzanne Kingston (l-Irlanda) u l-Imħallef Ioannis Dimitrakopoulos (il-Greċja) ħadu ġurament fit‑13 ta’ Jannar 2022 u l-Imħallef Tihamér Tóth (l-Ungerija) fis‑6 ta’ Lulju 2022.

Żewġ Imħallfin ġodda maħtura skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 341, p. 14, rettifika fil-ĠU 2016, L 40, p. 16) ukoll daħlu fil-karigi tagħhom f’Jannar 2022 (l-Imħallef Damjan Kukovec (is-Slovenja)) u f’Lulju 2022 (l-Imħallef Beatrix Ricziová (is-Slovakkja)), li ppermettew għall-ewwel darba lill-Qorti Ġenerali tkun komposta minn 54 Imħallef minn tmiem ir-riforma li għandha l-għan li tipprovdi lill-Qorti Ġenerali b’żewġ Imħallfin għal kull Stat Membru.

Matul l-operazzjoni ta’ tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali ta’ Settembru 2022, tliet Imħallfin ġodda daħlu fil-kariga (l-Imħallef Elisabeth Tichy-Fisslberger (l-Awstrija), l-Imħallef William Valasidis (il-Greċja), u l-Imħallef Steven Verschuur (il-Pajjiżi l-Baxxi)).

Għaldaqstant, il‑Qorti Ġenerali laqgħet tmien Imħallfin ġodda fl‑2022.

Barra minn hekk, bħal kull tliet snin, l-Imħallfin għażlu, immedjatament wara t-tiġdid parzjali, il-President, il-Viċi President u l-Presidenti ta’ Awla tal-Qorti Ġenerali.

Dawn il-bidliet fil-kompożizzjoni tal-Qorti Ġenerali għamlu neċessarju l-adozzjoni ta’ diversi miżuri ta’ organizzazzjoni interna. Fir-rigward ta’ dawn il-miżuri, għandu jiġi nnotat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tikkostitwixxi żewġ awli ta’ sitt Imħallfin minbarra t-tmien awli ta’ ħames Imħallfin, u li tikkonferma l-ispeċjalizzazzjoni parzjali tal-awli billi ġġedded ir-regola li, minn naħa, erba’ awli jittrattaw il-kawżi tas-servizz pubbliku u sitt awli jittrattaw il-kawżi dwar proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, il-kontenzjuż l-ieħor jinqasam bejn l-awli kollha. Barra minn hekk, in-numru ta’ kulleġġi ġudikanti bi tliet Imħallfin żdied għal 68, li magħhom jiżdiedu l-għaxar kulleġġi ġudikanti b’ħames Imħallfin, kif ukoll l-Awla Manja ta’ ħmistax‑il Imħallef u, min-naħa l-oħra, il-kulleġġ ġudikanti b’Imħallef uniku. L-amministrazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni tal-Qorti Ġenerali komposta minn 54 Imħallef timponi rigorożità u preċiżjoni.

L-implimentazzjoni ta’ miżuri li jirriżultaw mit-teħid ta’ funzjonijiet suċċessivi, li seħħew f’Jannar, f’Lulju u f’Settembru, kull darba ħtieġu l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ġodda mill-Qorti Ġenerali (dwar il-kompożizzjoni tal-Awla Manja, il-kriterji ta’ assenjazzjoni tal-kawżi lill-awli, il-metodu ta’ ħatra tal-Imħallef li jissostitwixxi Mħallef impedit, il-kostituzzjoni tal-awli u l-assenjazzjoni tal-Imħallfin lill-awli), ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u aċċessibbli taħt it-taqsima “Proċedura” tal-Qorti Ġenerali fis-sit Curia.

Ir-Reġistru kien involut ħafna f’li jintlaqgħu l-Imħallfin il-ġodda u fl-operazzjonijiet ta’ tfassil u ta’ eżekuzzjoni tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tax-xogħol tal-qorti. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li d-dħul fil-kariga ta’ Mħallfin ġodda u l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-Imħallfin lill-awli jiġġustifikaw li numru kbir ta’ kawżi jiġu assenjati u assenjati mill-ġdid. L-eżekuzzjoni u n-notifika tal-assenjazzjoni u tal-assenjazzjoni mill-ġdid, li huma r-responsabbiltà tar-Reġistru, kienu jikkonċernaw 938 kawża.

Uħud mid-data f’ċifri ewlenija

Ta’ min jinnota li:

  • 82 % tal-kawżi nqatgħu minn kulleġġi ta’ tliet Imħallfin (84 % fl‑2021 u 75 % fl‑2020) u kważi 12 % minn kulleġġi estiżi għal ħames Imħallfin (meta mqabbla ma’ 9 % fl‑2021 u 15 % fl‑2020);
  • kawża ngħalqet mill-Qorti Ġenerali bħala Awla Manja (kawża RT France vs Il‑Kunsill);
  • żewġ kawżi ġew deċiżi mill-Qorti Ġenerali bħala kulleġġ ġudikanti b’Imħallef uniku (tlieta fl‑2021 u waħda fl‑2020);
  • 57 % tal-kawżi ngħalqu permezz ta’ sentenza (60 % fl‑2021 u 55 % fl‑2020) u 43 % permezz ta’ digriet (40 % fl‑2021 u 45 % fl‑2020), il-kontenzjuż u s-suġġetti kollha flimkien;
  • 55 % tal-kawżi magħluqa b’sentenza saru b’seduta għas-sottomissjonijiet orali (63 % fl‑2021 u 62 % fl‑2020).

In-numru ta’ seduti għas-sottomissjonijiet orali huwa, ħlief għal kawża waħda, identiku għal dak tal‑2021 (241 seduta, meta mqabbla ma’ 240 fl‑2021 u 227 fl‑2020), għal 303 kawżi mressqa (290 fl‑2021 u 335 fl‑2020) (din id-differenza bejn in-numru ta’ seduti u n-numru ta’ kawżi li fihom saru sottomissjonijiet orali hija spjegata mill-fatt li tiġi organizzata seduta waħda biss fil-kawżi li ġew magħquda). Nirrileva li s-seduta fil-Kawża Google u Alphabet vs Il‑Kummissjoni (Google AdSense for Search) (Kawża T‑334/19), li nżammet mit‑2 sal‑4 ta’ Mejju 2022, iġġustifikat, bħal diversi oħrajn, l-adozzjoni ta’ miżuri kkoordinati mir-Reġistru sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment perfett tagħhom.

Il-proporzjon ta’ seduti b’videokonferenza li kien kważi rdoppja mill‑2020 għal‑2021 (minn 38 għal 72) naqas ħafna: 4.6 % tas-seduti (jiġifieri 11‑il seduta minn 241) saru permezz ta’ din is-sistema meta mqabbla ma’ 30 % fl‑2020 (72 seduta minn 240). Dan l-iżvilupp huwa loġiku. Għandu jitfakkar li l-użu tal-videokonferenzi, li sar possibbli sa mill‑2020, kien suġġett għall-impossibbiltà għall-parti, prinċipali jew intervenjenti, li tmur il-Lussemburgu minħabba l-kriżi sanitarja marbuta mal-pandemija tal-COVID 19 u mal-ftehim ta’ din tal-aħħar sabiex tirrikorri għal din il-modalità. Mill-aspett tekniku, dan l-użu kien suġġett ukoll għall-osservanza ta’ ċerti rekwiżiti preliminari intiżi li jiżguraw li d-dibattitu jinżamm konformement mal-prinċipju ta’ smigħ xieraq u li kienu jinvolvu l-verifika, qabel is-seduta, tal-kwalità tat-trażmissjoni bi protokolli ta’ sigurtà u tal-assenza ta’ problemi marbuta mal-interpretazzjoni simultanja.

Madankollu, minħabba t-tmiem tal-pandemija, is-sitwazzjoni fl‑2022 ma baqgħetx dik tal‑2021.

Għall-futur, ser ikun interessanti li jiġi segwit l-iżvilupp tas-sitwazzjoni wara li d-dispożizzjoni l-ġdida tar-Regoli tal-Proċedura, proposta mill-Qorti Ġenerali u aċċettata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, tidħol fis-seħħ. Is-sistema dwar l-użu tal-videokonferenza, prevista fl-Artikolu 107a tar-Regoli tal-Proċedura, tippreċiża, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet ġuridiċi li fihom din is-sistema tkun tista’ tintuża u l-kompetenza sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eventwali talbiet, u filwaqt li jiġi previst li l-kundizzjonijiet tekniċi għandhom jiġu inklużi fid-Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Peress li xtaqu jikkonkretizzaw il-politika ta’ aċċessibbiltà tal-Istituzzjoni għall-persuni b’diżabbiltà, huwa enfasizzat li, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Istituzzjoni, ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet sabiex persuna li tbati fis-smiegħ tkun tista’ tattendi għal seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali.

It-tul medju tal-istanza huwa sodisfaċenti ħafna. Hija stabbilita għal 16.2 xhur għall-kawżi magħluqa permezz ta’ sentenza jew permezz ta’ digriet meta mqabbla ma’ 17.3 xhur fl‑2021 u 15.4 xhur fl‑2020) u hija ta’ 20.4 xhur meta huma biss il-kawżi deċiżi permezz ta’ sentenza li jittieħdu inkunsiderazzjoni, li jvarjaw bejn it-tul medju ta’ 13.4 xhur għall-kawżi dwar proprjetà intellettwali u ta’ 43.7 xhur għall-kawżi, voluminużi u kumplessi, tad-dritt tal-kompetizzjoni (fosthom hemm il-kawżi Intel Corportation vs Il‑Kummissjoni (T‑286/09 RENV), Qualcomm vs Il‑Kummissjoni (Qualcomm – Ħlasijiet għal esklużività) (T235/18), Google u Alphabet vs IlKummissjoni (Google Android)(T604/18), kif ukoll tlettax-il kawża relatati mal-ftehimiet u l-prattiki miftiehma fuq diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru).

Fir-rigward tal-kawżi deċiżi permezz ta’ digriet, it-tul medju tal-istanza ta’ 8.9 xhur huwa l-iktar qasir li qatt ġie kkonstatat.

Kif indikat iktar ’il fuq, 1 474 kawża kienu pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali fil‑31 ta’ Diċembru 2022 (jiġifieri 46 iktar milli fil‑31 ta’ Diċembru 2021, iżda 23 inqas minn tmiem l‑2020). Fost dawn il-kawżi, 6.5 % u 20.3 % kienu, rispettivament, kawżi tas-servizz pubbliku u tal-proprjetà intellettwali. Kważi 27 % tal-kawżi pendenti kienu għalhekk jaqgħu taħt l-oqsma li fihom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tispeċjalizza l-awli.

Id-data statistika preċedenti la tieħu inkunsiderazzjoni t-talbiet għal miżuri provviżorji tal-kompetenza tal-President tal-Qorti Ġenerali (jew tal-Viċi President li jissostitwixxih fil-każ ta’ impediment), u lanqas it-talbiet għal proċedura mħaffa li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-kulleġġ ġudikanti li lilu tiġi assenjata l-kawża. Din l-espożizzjoni tkun għalhekk inkompleta jekk ma kinitx tinkludi punt speċjali fuq dawn il-proċeduri ta’ urġenza li għalihom ir-Reġistru għandu juri reattività immedjata kemm sabiex jiġu ttrattati l-atti ppreżentati kif ukoll sabiex jiġu eżegwiti d-deċiżjonijiet meħuda mill-President jew mill-Qorti Ġenerali.

Il-proċeduri għal miżuri provviżorji jippermettu li jintalab lill-President tal-Qorti Ġenerali (jew, jekk jiġi prekluż, lill-Viċi President) is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att jew ta’ kull miżura provviżorja oħra intiża li tipproteġi l-interessi tar-rikorrent, sakemm il-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni fuq il-mertu tal-kawża. Ċerti talbiet għal miżuri provviżorji jkollhom magħhom talbiet għal deċiżjoni b’urġenza estrema.

Il-proċedura mħaffa tista’ tingħata fuq talba ta’ parti prinċipali fil-kawża jew ex officio mill-Qorti Ġenerali. Jekk jiġi deċiż li tinqata’ skont il-proċedura mħaffa, għandhom japplikaw regoli proċedurali speċjali sabiex il-Qorti Ġenerali tkun tista’ tagħti deċiżjoni malajr dwar ir-rikors.

 

In-numru ta’ talbiet għal miżuri provviżorji naqas bi 22 % fl‑2022 meta mqabbel mal‑2021 (37 (li minnhom 9 fil-qasam tal-miżuri restrittivi) meta mqabbla ma’ 45) kif ukoll dak għal miżuri provviżorji magħluqa (37 meta mqabbla ma’ 45).

In-numru ta’ talbiet għal proċedura mħaffa tela’ għal 20 (meta mqabbla ma’ 38 fl‑2021 u 22 fl‑2020), li tlettax minnhom għandhom x’jaqsmu mal-kawżi intiżi li jikkontestaw il-legalità tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukraina. Waħda biss minn dawn it-talbiet intlaqgħet fil-kuntest ta’ talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-irkupru ta’ ammonti mħallsa indebitament. Min-naħa tagħha, il-Qorti Ġenerali użat ħames darbiet il-possibbiltà offruta mill-Artikolu 151 tar-Regoli tal-Proċedura li tagħti ex officio l-proċedura mħaffa (li tinkludi l-kawża RT France vs Il‑Kunsill).

Kjarifika fuq l‑attività tar‑Reġistru tal-Qorti Ġenerali

Fl-aħħar nett, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-attività ferm sostnuta mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali matul is-sena 2022. Minbarra l-involviment tar-Reġistratur u tal-uffiċċju tiegħu fl-amministrazzjoni tal-qorti, l-emendi tar-Regoli tal-Proċedura u l-proġetti ġudizzjarji u istituzzjonali pendenti, it-timijiet kollha f’dan id-dipartiment magħmul minn 71 uffiċjal u membru tal-persunal ħadu sehem fil-mixja tal-qorti sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha. Għalhekk, ir-Reġistru kien involut ħafna fil-ġestjoni proattiva tal-kawżi, li hija mixtieqa u sostnuta mill-qorti.

Għall-ewwel darba nqabżu diversi limiti:

  • dak tas-60 000 att irreġistrat fir-reġistru miżmum mir-Reġistru (60 691 meta mqabbla ma’ 56 827 fl‑2021 u 51 399 fl‑2020). Analiżi iktar dettaljata turi li l-aħħar tliet xhur kienu straordinarjament mimlija b’attività, b’mod partikolari minħabba l-assenjazzjoni u l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi li rriżultaw mill-kompożizzjoni mill-ġdid tal-kulleġġi ġudikanti f’Settembru 2022, kif ukoll mill-preżentata u n-notifiki fil-kawżi li jaqgħu fi gruppi ta’ kawżi (14 % tat-total tal-entrati nkluża matul l-aħħar tliet xhur huwa marbut mas-sensiela ta’ kawżi li jinvolvu lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni);
  • dak tal-10 000 att proċedurali ppreżentat fir-Reġistru mill-avukati u mill-aġenti (10 412 meta mqabbla ma’ 9 728 fl‑2021 u 9 572 fl‑2020);
  • dak ta’ 14 600 fajl ta’ trażmissjoni diġitali, li r-Reġistru jipproduċi u jiskambja mal-uffiċċji tal-Imħallfin fil-kuntest tal-proċeduri (14 631 fajl meta mqabbla ma’ 14 314 fl‑2021 u 12 636 fl‑2020).

Ir-Reġistru żgura wkoll il-prestazzjonijiet tiegħu waqt 352 seduta tal-awla (laqgħat li matulhom l-Imħallfin jiddiskutu kawżi u jadottaw miżuri intiżi li jistabbilixxuhom) (338 fl‑2021 u 325 fl‑2020) u matul 241 seduta għas-sottomissjonijiet orali.

Fl-aħħar nett, ir-Reġistru, għal darba oħra, seta’ jikseb l-ikbar benefiċċju mill-applikazzjoni e‑Curia, li l-użu tagħha sar obbligatorju fl‑1 ta’ Diċembru 2018 bla ħsara għal xi eċċezzjonijiet. Huma għalhekk 94 % tal-atti li ġew ippreżentati b’mod diġitali fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑2022, li rrappreżentaw volum ta’ kważi miljun paġna (979 676 paġna). Mill‑2018, kienu, flimkien, 4 588 664 paġna ta’ dokumenti li ġew ippreżentati, u sussegwentement ipproċessati mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali li b’hekk jagħtu idea tal-volum ta’ wħud mill-proċessi suġġetti għall-investigazzjoni tal-qorti.

Din id-data ma tinkludix żewġ żviluppi importanti għas-sena 2022. L-ewwel waħda kellha l-għan li ssaħħaħ l-arranġamenti tas-sigurtà sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ data sensittiva fil-qorti u fl-Istituzzjoni. It-tieni waħda, li tirrifletti l-mixja permanenti lejn il-modernità tal-Qorti Ġenerali, hija l-użu tal-firma elettronika kkwalifikata tas-sentenzi, tad-digrieti u tal-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali tal-Qorti Ġenerali. Ir-Reġistru ta s-sehem kollu tiegħu sabiex jadatta l-proċeduri interni u jipprova jikseb sistema li tissodisfa r-rekwiżiti legali meħtieġa u jippermetti arkivjar elettroniku perenni.

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea u r-Reġistru tagħha għalhekk, għal darba oħra, ġew adattati għar-realtà taċ-ċirkustanzi sabiex jissodisfaw bl-aħjar mod l-aspettattivi leġittimi tal-parti fil-kawża. Ir-Regoli tal-Proċedurali tal-qorti komplew jiġu adattati sabiex jippermettu investigazzjoni effettiva tal-kawżi fid-dawl ta’ eżiġenzi u realtajiet ġodda. Fl-aħħar nett, b’estensjoni tal-miżuri meħuda matul is-snin preċedenti, saru sforzi sabiex tiġi ddiġitalizzata l-katina kollha tal-proċess ġudizzjarju, mill-preżentata tal-atti bl-applikazzjoni e‑Curia san-notifika permezz ta’ dan l-istess metodu tad-deċiżjonijiet iffirmati elettronikament, u b’hekk jikkontribwixxu għall-modernizzazzjoni neċessarja tas-servizz pubbliku tal-ġustizzja.


L-istatistika ġudizzjarja ta' bosta snin preċedenti, jistgħu jiġu wkoll ikkonsultati fis-sit Curia, fil-parti "Storika".